The Blog of Martin Micallef

MNA – KURAĠĠ, AMBIZZJONI U VIŻJONI

Insellmilkom…..

Aġenzija ta’ l-Aħbarijiet!? Pass wara pass fl-istorja tal-ġurnaliżmu Malti wasal ukoll il-mument li jinstabu l-kuraġġ u l-ambizzjoni biex f’livell nazzjonali tinħoloq għajn oħra ta’ informazzjoni u aħbarijiet indipendenti. Idea ġdida u differenti minn dak li fl-aħħar snin it-teknoloġija  twebbilna bih ta’ kuljum. Servizz li l-għeruq tiegħu huma dawk tradizzjonali, klassiċi, iżda kif jurina l-operat ta’ kuljum, jibqa’ fundamentali fil-qasam tat-tixrid ta’ l-informazzjoni u l-aħbarijiet. Dawk il-ġurnalisti biex insejħulhom hekk maturi (jien inkluż) jafu xi jfisser ikollok gabuba fejn, f’kakofonija ta’ storbju ta’ metall jimmartella fuq il-linka, rombli sħaħ ta’ karti jinfirxu ma’ l-art bl-aħbarijiet mill-agenziji barranin, dawk bi ħlas u dawk li l-qawwiet mill-Punent u mill-Lvant kienu jqassmu b’xejn f’kull kamra ta’ l-aħbarijiet ma’ l-erbat irjieħ tad-dinja biex jgħidu tagħhom. Illum dawn l-għejjun għadhom hemm…. fis-skiet assolut……iżda iktar b’saħħithom minn qabel! Iż-żminijiet jinbidlu u kif! Dak iż-żmien kienu l-unika tieqa fuq id-dinja, tneħħi t-televiżjoni taljan u xi stazzjon tar-radju fuq il-frekwenzi qosra.

L-għan ta’ Malta News Agency huwa dak li toħloq servizz ta’ informazzjoni nazzjonali mmirat għall-professjonisti ta’ l-aħbar u għal kull min għandu interess li jkun infurmat, b’mod immedjat u b’garanzija ta’ kwalità, b’dak li jkun qed jiġri fil-pajjiż u madwaru. Malta llum għandha rwol ferm akbar fix-xenarju reġjonali u internazzjonali, u xieraq li jkollha leħen b’saħħtu hija wkoll. Ir-rabta mall-Aġenzija ITALPRESS hija wkoll importanti għaliex bl-esperjenza u l-firxa tagħha se tkun qed twassal lill hinn minn xtutna l-aħbarijiet meħtieġa b’mod koordinat, u fl-istess ħin issaħħaħ il-qasam ta’ l-informazzjoni sportiva kemm lokali u anki barranija. Il-kollegi Cucci u Zuccala’ żgur li m’għandhom bżonn ta’ l-ebda introduzzjoni mad-dilettanti Maltin tal-logħba tal-ballun u ta’ bosta dixxiplini oħra. U l-entużjażmu tagħhom għal din l-avventura, emmnuni, huwa impressjonanti….. semmilhom Malta u ma jieqfux jirrankutaw l-esperjenzi tagħhom!

Dan il-websajt huwa biss vetrina…..Malta News Agency hija xi ħaġa oħra….!

 

Martin